OFFICE OF THE PRESIDENT OF MALTA

The Palace, Valletta - MALTA.


BIOGRAFIJA

tal-

PRESIDENT TA' MALTA

H.E. Marie-Louise Coleiro Preca, K.U.O.M.,
B.A. (Leg. & Hum. Stud.), Dip. Not. Pub.
2014 -



Marie-Louise Coleiro Preca hija d-disa’ President tar-Repubblika ta’ Malta. Hija ħadet il-ġurament ta’ President ta’ Malta nhar l-4 ta’ April 2014 permezz ta’ riżoluzzjoni parlamentari li ġiet approvata unanimament mill-Kamra tar-Rappreżentanti fl-1 ta’ April 2014.

Fl-età ta’ 55 sena, Coleiro Preca hija l-iżgħar President tal-pajjiż u hija t-tieni mara li qed tokkupa l-kariga ta’ Kap ta’ Stat wara 32 sena.

In-nominazzjoni tagħha mmarkat żvilupp ieħor fl-istorja Kostituzzjonali ta’ Malta hekk kif il-membri kollha tal-Parlament Malti approvaw in-nomina ta’ Coleiro Preca.

Marie-Louise Coleiro Preca twieldet f’Ħal Qormi fis-7 ta’ Diċembru 1958. Hija rċeviet l-edukazzjoni tagħha fl-iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi, f’Maria Reġina Grammar School ta’ Blata l-Bajda u fil-Polytechnic, l-Imsida. Aktar tard iggradwat mill-Università ta’ Malta, fil-Baċellerat Legali u Studji Umanistiċi kif ukoll Diploma ta’ Nutar Pubbliku.

Is-Sinjura Coleiro Preca ilha attiva fil-politika għal dawn l-aħħar erbgħin sena, sa mill-età ta’ 16-il sena. Fi ħdan il-Partit Laburista hija serviet bħala membru tal-Eżekuttiv Nazzjonali, Assistent Segretarju Ġenerali u Segretarju Ġenerali.

Hija kienet Segretarju Ġenerali bejn l-1982 u l-1991. Il-President Coleiro Preca hija l-unika mara li qatt okkupat din il-kariga eletta daqstant importanti f’partit politiku Malti.

Marie Louise Coleiro Preca kienet ukoll membru tal-Bureau Nazzjonali taż-Żgħażagħ Soċjalisti, President tal-Għaqda Nisa Laburisti, fundatriċi tal-Fondazzjoni Ġużè Ellul Mercer u stampatur tal-gazzetta, Il-Ħelsien.

Is-Sinjura Coleiro Preca serviet ukoll fil-bord tad-diretturi tal-Maltacom plc (illum magħrufa bħala l-Kumpanija GO), kif ukoll tal-Libyan Arab Maltese Holding Company. Kienet membru wkoll fil-Kummissjoni Nazzjonali għall-Moralità Fiskali.

Marie-Louise Coleiro Preca serviet bħala deputat fil-Kamra tar-Rappreżentanti mill-1998 sal-2014. Fl-elezzjoni ġenerali tal-2008 hija kienet l-ewwel kandidata li ġiet eletta fil-Parlament.

Bħala deputata tal-Oppożizzjoni hija kienet Kelliema Ewlenija għall-Politika Soċjali, għat-Turiżmu u l-AirMalta, għas-Saħħa u membru tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Soċjali u dak tal-Familja. Serviet ukoll fid-delegazzjoni Parlamentari fil-Kunsill tal-Ewropa u f’diversi kumitati li jaqgħu fi ħdanu.

Nhar it-13 ta’ Marzu 2013, Marie-Louise Coleiro Preca inħatret bħala Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali. Matul is-sena li kienet fil-kariga Ministerjali hija bdiet sensiela ta’ riformi u tiżviluppa għadd ta’ strateġiji fis-settur soċjali.

Fost ir-riformi ewlenin li saru tul il-ħidma Ministerjali tagħha kien hemm dik fil-qasam tal-housing soċjali, strateġija integrata tal-informatika li qed tħaffef il-proċessi fl-għoti tal-benefiċċji. Tant li sal-aħħar tas-sena 2014, dawk li jaslu għall-età tal-irtirar, dawk li jkunu eliġibbli għal marriage grant, dawk li jieħdu l-pensjoni tar-romol u ċ-children’s allowance, se jingħatawlhom mingħajr il-ħtieġa ta’ ħafna proċeduri u telf ta’ ħin.

Tat bidu għall-ħidma b’rabta mal-introduzzjoni tas-'single means testing mechanism', kif ukoll għal riforma sħiħa fil-qasam tal-welfare u għal sistema aktar effettiva kontra l-frodi tal-benefiċċji soċjali.

Matul it-tnax-il xahar ta’ ħidma bħala Ministru ngħata bidu għall-iżvilupp tal-istrateġija għas-sostennibilità u l-adegwatezza tal-pensjonijiet. Ħadmet biex jiġu indirizzati l-anomaliji fil-pensjonijiet tal-eks-ħaddiema tat-Tarzna. Introduċiet għadd ta’ miżuri bħall-għoti tal-pensjoni sħiħa lir-romol li jkunu jaħdmu u l-għoti taċ-children’s allowance antiċipat biex għenet f’budgeting aħjar fil-familji.

Bħala Ministru, Coleiro Preca pproponiet diversi leġiżlazzjonijiet quddiem il-Parlament, fosthom l-Att dwar il-Protezzjoni tat-Tfal li se jkun parti mill-Att dwar it-Tfal. Waqqfet ukoll is-SART (Sexual Assault Response Team), fejn għall-ewwel darba hemm post wieħed minn fejn vittmi ta’ stupru jirċievu s-servizzi kollha, taħt saqaf wieħed.

F’Diċembru tal-2013, flimkien mal-Kummissarju Ewropew għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, László Andor, Marie Louise Coleiro Preca nidiet il-proġett LEAP. Dan il-proġett kofinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew qed jara t-twaqqif taċ-Ċentri għar-Riżorsi tal-Familja li se jipprovdu servizzi fil-qalba tal-komunitajiet.

F’Jannar 2014, flimkien mal-Prim Ministru Malti Dr Joseph Muscat, Coleiro Preca nediet Green Paper: Struttura Għal Tnaqqis fil-Faqar u Għal Inklużjoni Soċjali. Bħala parti mill-ħidma tagħha biex tindirizza l-faqar u l-esklużjoni soċjali, introduċiet għajnuna supplimentari għall-ulied, fejn se jibbenefikaw madwar 22,000 tifel u tifla.

Marie-Louise Coleiro Preca hija miżżewġa lil Edgar Preca u għandha tifla.



Copyright ©1999 - HF

Send any questions or problems regarding
this service to the administrator.

last modified: April 2014